Hawn isfel ha nagħtikom biss ħjiel ta’ x’nixtieq nara jien fil-Budget tal-lejla. Il-kumplament naqsmu magħkom aktar tard din il-ġimgħa uffiċjalment bħala Partit Demokratiku, jekk ma jinqala’ xejn.

Pero, minn hawn taħt ser tindunaw mill-ewwel x’inhi d-direzzjoni tal-Partit Demokratiku, u ser tikkonfermaw ukoll li din il-forza politika nibtet minn qalb in-nies, minn qalbkom.

Imma nitkellmu aktar fuq hekk meta l-Orange jsir uffiċjali permezz tal-Laqgha Ġenerali Annwali li għandha ssir fil-21 ta’ Ottubru.

L-ewwel irrid nara lill-membri tal-familja Maltija u Għawdxija kollha sew.

L-aktar lill-ommijiet, missirijiet u n-nanniet, li fuqhom taqa’ r-responsabilita’ tat-trobbija ta’ dawk li huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna: it-tfal.

Sew jiġifieri li minn twelidhom u f’kazijiet anke qabel twelidhom, jikbru fl-għożża jekk jista’ jkun u kemm jista’ jkun tal-ġenituri. Dan speċjalment fl-ewwel tlett snin ta’ ħajjithom meta r-ruh emozzjonali tagħhom trid tifforma u tissaħħah biex tikkumbatti mas-sabiħ u l-ikrah tal-bqija tal-ħajja.

F’ din l-eta mhux biżżejjed li tatihom bottle, tfewwaqhom, tbiddlilhom, taħsilhom u tpoġġihim fis-siġġu jaraw video, jew jilgħabu bil-ġugarelli ġol-playpen. Dan huwa ż-żmien mill-aktar importanti meta l-moħħ ikun karta xuga jassorbi u jitgħallem malajr,  meta t-tfal ikollhom bżonn biżżejjed bews u tgħanniq.  Din it-turija ta’ mhabba, jista’ (bi ftit eċċezzjonijiet) jagħtiħa l-ahjar ġenitur jew ahjar minn hekk ġenituri.

Il-futur ta’ pajjizżna ma jiddependix fuq kemm ikollna sky scrapers u tkabbir fil-prodott gross domestiku, lanqas f’ kemm aħna kapaċi niprivatizzaw malajr dak li mhux jirrendi jew kemm nobormu ODZ u nqaċċtu harrub. Dawn kollha jkollhom effett fuq il-kwalita tal-hajja tan-nies, fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom, fuq l-identita’ u l-kuntentizza kemm fuq il-futur kif wkoll fuq il-preżent attwali, pero hemm dak li huwa wisq aktar prezzjuz, u li jħoll u jorbot xi kwalita’ ta’ nazzjon qed nevolvu u ħa nevolvu fih.

Il-futur ta’ pajjiżna jiddependi minn kif qed nittrattaw it-trabi u t-tfal tal-lum, u allura la dawn ikunu għadhom f’etajiet zgħar u vulnerabbli jiddependi direttament fuq kif qed nitrattaw lill-familji taghna, partikolarment izda mhux biss lill-ommijiet, missirijiet u saħansitra lin-nanniet li llum ukoll għandhom sehem qawwi fit-trobbija ta’ wlied uliedhom.

Filwaqt li naqbel mija fil-mija li jkun jeżisti child care b’ xejn 24 siegha, kif ukoll Golden Age care 24 siegħa għall-anzjani dipendenti fuq il-familja tagħhom  imma li jibqgħu id-dar u jridu biss jinġabru ghall-irqad, kif ukoll Forever Young Care 24 hour respite għall-inkapaċitati li jibqgħu fil-familja tagħhom, nemmen illi dawk il-membri tas-soċjeta taghna, ħafna minnhom nisa li jagħzlu li jibqgħu jaħdmu id-dar biex irabbu huma l-familja tagħhom, jindukraw anzjan dipendenti jew persuna diżabbli għandu jkollhom rimunerazzjoni xierqa fuq isimhom li ma tħallihomx jgħixu fil-faqar huma għax jieħdu fuqhom l-aktar dover nobbli u imprezzabbli li jista’ jkollu l-bniedem filwaqt li jwieżnu l-piż minn fuq l-istat.

Il-mara/raġel li tagħzel li tibqa’ d-dar hi biex tindokra it-trabi tagħha, anke jekk mizzewwġa għandha tigi nkoraġġita biex tagħmel hekk mingħajr ma tispiċċa dipendenti fuq terzi li kif tafu daqsi jista’ jkun li tfittex u ma ssibhomx. L-istess jgħodd għal dawk li jibqgħu id-dar biex iħarsu l-anzjani u membri tal-familji diżabbli jew morda tagħhom.

Miżuri bhal dawn nifhem li ma setgħux isiru jekk l-ekonomija ma tkunx sejra tajjeb, għaldaqstant, issa huwa l-waqt li ninvestu direttament fit-tisħiħ tal-familji huma ta’ liema xorta huma li flimkien jibnu s-socjeta u l-kommunitajiet tagħna.

In-nanniet illum mhux l-ewwel darba li jgħażlu li jitilqu mill-impjieg huma biex iżommu t-tfal ta’ wliedhom li jkunu għadhom qed jikkumbattu mal-loans li hafna drabi itaqqlu bis-sħiħ l-ewwel u l-aktar zmien vulnerabbli tal-eżistenza tagħhom bħala familji ġodda. In-nanniet li jieħdu dan l-intrigu m’għandhomx jitħallew jiftaqqru, imma għandhom ikollhom rimunerazzjoni barra li jkollhom pensjoni xierqa meta jaslu għaliha.

Imbagħad hemm il-prezz li qed jitpoġġa fuq il-ħin li omm u missier qed jissagrifikaw ‘il bogħod minn familthom biex jassiguraw l-għixien tagħhom, jew il-ħin li żewġ għarajjes ikollhom jaħdmu biex jibdew biex ilaħħqu biex forsi jixtru jew jikkru fejn joqgħodu, jew il-ħin ta’ persuna waħedha speċjalment li qed trabbi.

4.20 ewro s-siegħa, u ġieli anqas mhuwhiex ħlasmxieraq.

Il-paga minima m’ghadhiex biżżejjed, jeħtieg tiżdied.

U l-prekarjat irid jinqata’ minn fostna.

Biex persuna tagħmel il-qabża meħtieġa biex ikollha darha, fi żmieni kienu jingħataw plots b’xejn u postijiet tal-gvern kera baxxa. Illum m’hemmx plots xi nqassmu imma postijiet vojta hemm ħafna, li jistgħu jinxtraw mill-gvern u jitqassmu fuq sistema ta’ rent to buy jew outright sale bi prezz raġonevoli u b’ loan iggarantita mill-gvern stess permezz tal-propjeta li jkun akkwista.

La l-gvern lest li jiggarantixxi lill-kbir (ez: Electrogas), għandu jkun lest jiggarantixxi s-self limitat taż-żgħir.

Ma tagħmilx sens li fil-housing nibqgħu nistennew il-50 miljun investiment li ilna nisimgħu bih ma nafx kemm. Il-bniedem ħajja waħda għandu u hawn minn fostna li xjaħ jistenna dejr diċenti fejn imidd rasu. Wara kollox lanqas ma tagħmel sens li dawk li għandhom bżonn social housing jitpoġġew kollha flimkien  f’post immarkat qishom xi ġdiem tas-soċjeta. Imma għandhom jitferrxu ġo kommunitajiet diġa stabiliti fejn hemm nies ġejjin minn kull saff tal-ħajja.

Ammont stabbilit mill-ewwel self li jissellef individwu jew koppja biex jakkwista l-ewwel dar għandu jiġi ggarantit mill-gvern u jkun mingħajr imgħaxx għall-ewwel ħames snin ta’ individwu u l-ewwel għaxar snin ta’ koppja. Wara, l-imgħaxx ghandu jibqa’ stabbilit u baxx.  Kull individwu u familja għandha tinghata l-opportunita’ ta’ rent to buy, sabiex kulħadd ikun jista’ jagħmel il-qabża minn isħaq u ilgħaq għal sid ta’ daru.

Familji f’diffikulta għandu jkollhom aċċess għal għajnuna f’forma umana diretta minn Family Care Institution li tifforma apposta biex nindukraw il-familji  mill-ewwel meta dawn isibu ruhhom f’diffikulta’, u qabel ma jkun tard wisq. L-istess għajnuna għandha tingħata mill-bidu lit-tfal ta’ familji għaddejjin minn problemi, kemm biex jigu evitati problemi agħar u ikbar u rriversibbli għall-membri tal-familji kif ukoll biex bhala stat ninvestu dirett f’soċjeta b’saħħitha.

F’każijiet ta’ qorti qeda ssir inġustizzja ma’ min huwa l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta tagħna, partikolarment nisa u tfal, kemm minħabba l-fatt li l-ispejjeż tal-qorti ma jaffordjawhomx, kemm ghax jispiċċaw ibiddlu minn avukat tal-fqar wieħed ghall-ieħor, imma wkoll għax il-breadwinner spiss tibqa’ l-omm, li tieħu t-tfal u tiġbor mill-iskola tkun l-omm, u allura aktar iva milli le tkun fi stat li la tista’ timrad u lanqas tista’ titlef ġurnata xogħol.

M’ hemmx ghalfejn ngħidilkom xi stress kbir jgħixu dawn l-ommijiet/missirijiet. Għaldaqstant il-qorti jeħtieg tkun effiċenti biex ħadd ma jibqa’ mdendel f’ vacuum ma jafx x’ħa jsir minnu, imma wkoll b’xejn għal min ma jiflaħx iħallas.

Kif diga ghħedtilkom dawn huma biss ftit mill-punti li nixtieq nara nklużi fil-budget tal-lejla.

Matul il-gimgħat li gejjin kemm fil-Parlament kif ukoll barra minnu, ahna tal-Partit Demokratiku ser niddiskutu magħkom x’forma ser tieħu id-direzzjoni   primarjament Family Friendly, Health and Environment Friendly kif ukoll Research and Enterprise Friendly, liema direzzjoni bħall-partit innifsu qed tiżviluppa minn fostkom u għalikom u tibqa’ tevolvi biex isserrħilkom raskom li fl-aħħar minn l-aħħar pajjiżna jista’ jkollu governanza bil-għaqal li żżomm il-ħarsien   tan-nies u s-serħan tal-moħħ ta’ kull persuna fiċ-ċentru tagħha.

Likes(0)Dislikes(0)