Category Archives: Marlene

il-ħajt ta Trump

Il-President Trump iddeċieda li jagħtiha għall-ħitan.

Dak li jrid jibni biex jifred l-Istati Uniti minn mal-Messiku huwa ħajt tal-ġebel, ħajt li jrid jibni biex jarah kulħadd, inkluż huwa stess biex ifakkar lilu nnifsu li issa għandu poter bla qies u li qed jikkmanda hu.

Iżda dan tal-Messiku mhuwhiex l-uniku ħajt li jrid itella’ dan in-negozjant kantun kantun.

Trump irid jibni ħajt bejn il-politika ambjentali Amerikana u kull politika oħra li tfittex li tħares id-dinja minn aktar sfreġju ambjentali li qed jikkawża tibdil fil-klima.

Imbagħad hemm is-sur li qed inibbet bejn razez u reliġjonijiet, drittijiet tan-nisa u l-oppressuri tagħhom, interessi kummerċjali Amerikani u internazzjonali u elf haġa ohra.

Il-politika ta’ Trump hija l-politika ta’ aħna u huma, politika li tifred lill-popli minflok tqarrabhom, politika li diġa qed tħalli sinjali ta’ xquq kbar bejn dak li huwa l-poplu Amerikan stess.

U fid-dinja tal-llum, Trump mhux l-uniku li qed jirraġuna u jmexxi b’dan il-mod.

Pass ‘il boghod fl-Ungerija, Orban tella’ lqugħ tal-wire mal-fruntiera ta’ pajjiżu biex ma jħallux refuġjati jidħlu. Kull ma jmur il-Gvern tiegħu qed ixaqleb lejn l-awtokrazija minkejja li huwa membru shih fl-EU.  Il-Polonja bil-Law and Justice party miexja ‘l hemm ukoll. Franza u l-Olanda għad iridu juruna xi jsarrfu, filwaqt li l-Ingilterra diġa wriet sniena fl-istess direzzjoni meta l-Brexit rebah ir-referendum, li jfisser li l-Gran Brittanja tippreferi tfendi għal rasha milli tibqa’ parti mill-blokk Ewropew.

Il-mistoqsija li tqum hija kif ser nirreaġixxu aħna li nemmnu li bejn il-gnus, razez, reliġjonijiet, blokok kummerċjali u politiċi m’għandux ikun hemm ħitan?

Fiżikament ħafna minna rreaġixxejna diġa tant bis-saħħa li fl-1989 twaqqa’ l-ħajt ta’ Berlin li kien l-edifiċju fiżiku li jissimbolizza firda fi ħdan l-istess ġens, imma wkoll fondoq politiku globali.  Imma mill-89 ‘l hawn id-dinja u l-Ewropa għaddiet minn taqliba sħiħa. Tant li dak il-ħelsien fiżiku u mentali li kien hekk mixtieq dak iż-żmien, tant indara li sar jittieħed for granted. Il-gwerra li wasslet biex inbena dak il-ħajt għodda ntnesiet u erġajna qed naraw eluf ta’ refuġjati ggranfati ma’ barrikadi tal-barbed wire bħalma kienu l-miljuni ta’ Lhud u nies mhux Arjani fl-aħħar gwerra.

Il-mexxejja ta’ dak iz-zmien, li zergħu il-mibgħeda u l-firda, ukoll kienu mexxejja li ħadu posthom b’mod legali. Kienet sitwazzjoni simili bħal tal-lum, sitwazzjoni ta’ tgerfix u faqar soċjali fejn mexxejja oħra ma bdewx jemmnu dak li kien qed iseħħ quddiem għajnejhom sakemm kien tard wisq.

Għaldaqstant, aħna li rridu l-paċi u l-għaqda bejn il-ġnus, razez, reliġjonijiet, aħna li npoġġu d-dinjita tal-bniedem hu min hu l-ewwel u qabel kollox, m’għandniex noqgħodu lura milli nsemmgħu lehinnha favur l-għaqda u kontra l-firda u min jiżragħha.

Izda li npaċpċu mhux biżżejjed.

Jekk mhux ħa nħaddmu politika li tnissel fiduċja bir-riżultati tagħha diretti fuq iż-żgħażagħ, familji u l-anzjani, ahna nkunu qed ngħinu lil Trump itella’ l-ħitan.  In-nies tqażżu bil-politika tal-illużoni, tad-daħq fil-wiċċc u l-Makkjavelliżmu. Fejn hemm il-faqar materjali u soċjali jeħtieġ jiġi ndirizzat bis-serjeta mhux billi nwaddbulu ċifra ta’ flus u fejn laqat laqat.

Nisperaw li meta l-mexxejja tal-EU jiltaqgħu f’ Malta dil-ġimghħa, ir-rappreżentanti tagħna bla tlaqliq jiddeploraw deċiżjonijiet ta’ mexxejja li ma jagħmlux gieh lill-umanita u jidderieġu lill-pajjiżi membri fit-triq ta’ aktar għaqda u inqas ħitan.

Il-ħazin ma jintrebaħx b’aktar ħażen. Jintrebaħ bil-ħafna tajjeb.

Likes(0)Dislikes(0)

Tagħna lkoll

Bħalissa hawn tgerfix sħiħ fix-xena politika Maltija.

Mela Tal-Lejber mhedijin iħabbru nvestimenti kbar.

Miljuni kontra mijiet ta’ miljuni.

X’ħin tindaga ssib li veru nvestimenti bomba, imma mhux għall-poplu jew għall-pajjiż izda għal erba’ businessmen li qed inittfuna sufa sufa bil-barka ta’ min suppost qed iħaddem ġid pajjiżna f’isimna.

Fil-frattemp biex iżommuna aljenati u allegruzi, ramaw b’konsenja vleġeġ aktar milli kellu Robin Hood.

Kif l-oppozizzjoni Nazzjonalista tiftaħ ħalqha, jisparaw vleġġa jew tnejn lejn min jidhrilhom, imbagħad fuq il-ONE dlonk jitfghu id-diska li l-PN maħmuġin u allura kulħadd maħmuġ imnitten, u la d-dawl ‘raħas’ ħmieġ bi ħmieġ aħjar il-Lejber, u r-rota tkompli ddur u ddur u aktar iddur.

In-Nazzjonalisti minn naha l-oħra qed jagħtu l-impressjoni li għadhom imgerfxin ukoll.

Kultant joħorgu dokument li jagħti ħjiel li ġol-partit hemm min hu moħħu fuq għonqu u qed jagħmel xogħolu, mill-bqija addio it-three musketeers, Beppe, Simon u Mario, għax issa dahal Salvu Mallia, u ta’ ragel li hu, hekk imdakkar u mħeġġeġ mill-istorja tal-famuż iżda traġiku Pushkin serqilhom l-ispotlight mid-dar ċentrali u tefagħha fuq spettaklu ta’ ‘gladiators ‘li ghan-naqa ma sehhx go Strada Rjali l-Belt ftit lil hinn mit-Tejatru bla saqaf li sallbuna bih.

Sadanittant ix-xena politika qed tmiss il-qiegħ.

Minflok niddiskutu avvenimenti serjissimi li ghaddejjin fil-pajjiż, qed niddiskutu min ser idabbar l-ewwel black eye. Jekk hux id-difensur tal-Ministru tal-Ugwaljanza jew Salvu tal-PN.

U l-mistennnija Presidenza tal-UE li ħa tiswielna 40 miljun fuq il-karta, għaddejja u għaddejja riħ.

U l-mistoqsija hija x’taqbad tagħmel f’ċirkustanzi bħal dawn.

L-ewwel istint tkun li tħaffer ħofra fonda fonda fir-ramel, tgħaddas rasek u la tara u lanqas tisma’.

Issir zombie u kif tħossok riega’ ġej għan-normal, tħaffer naqra aktar fil-fond u terġa’ tgħerreq moħħok ‘l isfel ‘l isfel bit-tama li ma tiġi konxju qatt.

It-tieni istint, wara xi żmien taħt ir-ramel ikun li tibgħat lil kull min qed idallam il-Parlament illum (inkluz jien), u tħeġġeġ biex nixkanaw liz-zewg partiti morda minn hemm u npoġġu nies totalment ġodda fuq is-siġġijiet tal-eżekuttiv u l-Parlament tal-pajjiż. Dan il-ħsieb jibqa’ tajjeb sakemm is-sens komun jgħidilna li l-ġdid tajjeb, iebes ħafna biex issibu u trawmu, u li doża ta’ esperjenza politika nadifa tista’ tkun bżonnjuża wkoll.

Mela imbagħad naslu għat-tielet istint.

Jien diġa għaddejt minnu meta wara li thallna fl-EU, fit-2004 sseħibt mal-MLP meta kien għadu kemm ġarrab telfa kbira ohra, bl-intenzjoni li ngħin fit-tiġdid tiegħu biex ikun Gvern alternattiv għall-PN li skond iċ-ċiklu tal-politka lokali kien altru li skadielu ż-żmien.

Ninsabu fi żmien simili.

Il-PL f’qasir zmien iġġandar bil-kbir. Tal-biki x’ħin tara Ministru bhal Varist ikompli jaqa’ għaż-żufjett il-gimgha l-ohra. Skandli. Żufjett. Żufjett u skandli.

Il-PN minn naħa l-oħra qed jitqanżaħ biex jiġġedded biżżejjed minn ġewwa.

Iż-żmien li baqa’ huwa qasir.

Kull vot jgħodd biex tinkiseb il-maġġoranza ġdida biex entita akbar u aħjar mill-PN li nehhejna, tiggverna mill-gdid.

Aħna tal-Partit Demokratiku nħloqna fl-interess nazzjonali.

Nistgħu nagħtu kontribut qawwi biex in-nies ikollhom għazla veru meta jigu biex jivvutaw.

Kultant bħal mogħdija mharrbta. Tkun aktar faċli li ġġib il-materjal u twitti l-ħofor bil-ġdid milli li tonġor il-blat, speċjalment jekk ikun żonqri.

Imma biex iżomm il-ġdid il-ħofor iridu jitnaddfu u t-taħlita trid tkun tajba, inkella mal-ewwel xita jitlaq kollox mal-wied u l-mogħdija tisparixxi.

Malta għandha bżonn gvern stabbli, b’saħħtu u onest.

Il-Partit Demokratiku u l-Partit Nazzjonalista mnaddaf flimkien jistgħu jagħtu dan lill-poplu.

Hekk ħa nagħmlu.

Jonqos biss ftit affarijiet fuq xhiex naqblu, li jaċċertawna li l-poplu ma jerġax jiġi ngannat bhalma ġara bil-Moviment li beda Tagħna Lkoll u spiċċa tagħhom biss.

Likes(0)Dislikes(0)

Bl-Ewropa ġo qalbna

Ħafna minnkom iħobbuh it-tuffieħ. Tħobbuh aħdar iebes, kemm kemm qares, jew aħmar nar u aktar ħelu.

Daż-żmien tħobbuh ukoll f-forma tal-kaxxa quddiemkom li ggib l-istess isem u li sservi ta’ tieqa għall-kumplament tad-dinja, biex tittawwlu, tissindikaw bħallikieku minn xi muxrabija, taraw, issegwu, tiżvugaw, tistaqsu w targumentaw sakemm il-kpiepel t’għajnejkom jingħalqu u tmur għajnkom bikom.

Torqdu qiskom ħrief iva, imma mhux qabel ma tkunu qattgħajtu xi sagħtejn fuq il-Facebook tixxalaw jew tindannaw skond il-muża.

Fil-biċċa l-kbira, forsi mhux dejjem, tilħqu tinzgħu il-jeans u xxiddu qalziet tal-piġama, qabel ma tgħoddsu taħt il-friex.

Forsi anke jibqgħalkom biżżejjed enerġija biex tilħqu tilbsu l-headphones u tisimghu xi naqra lil Freddie Mercury jkantalna ‘Another one bites the dust’ jew ‘Radio gaga’ biex imbagħad issalpaw għal ġod-dinja tal-ħolm filwaqt li titbissmu mal-ewwel nota ta’ ‘Who wants to live forever’.

Il-computer, il-midja socjali, il-jeans, il-King tal-Queen.

Steve Jobs, Zuckerberg, Levi, Freddie Mercury.

Erba’ minn nies li kellhom u għandhom effett fuq il-ħajja tagħna kif nafuha llum.

Lkoll eżempji ta’ tfal ta’ immigranti li xi darba, xi mkien, xi hadd ta kenn lilhom jew lil missirijiethom u tahom cans jgħixu u jikbru. Ma ħallewhomx jgħerqu. Ma bagħtuhomx lura lejn kontinent mifni bil-gwerra.

Ma ħallewhomx maqfulin go gabjetta tal-wire b’toqba fl-art fejn ibattlu.

Qabel, l-ekonomija tad-dinja kienet tiddependi biss fuq industriji u riżorsi fiżiċi bħaż-żejt, magni, karozzi, l-uranium, manifattura. Kulħadd kien jiġġieled għall-istess għadma. Il-fruntieri kienu jeżistu u kellhom rwol. Imma llum id-dinja nbidlet.

L-ekonomija u l-iżvilupp dinji ma jiddependix biss fuq dawn.

Hemm ekonomija tiddependi fuq it-tagħrif, fuq l-idejat, il-krejattivita’, l-innovazzjoni, ir-riċerka.

M’hemmx għalfejn tkun it-tifel tar-re biex tagħmel il-flus u tħaddem partita nies. Jekk ikollok moħħ tajjeb, titgħallem, tħaddem rasek u tkisser moħħok, u tistinka biżżejjed, tista’ taghmel l-ikbar suċċess.

Kull ma jkollok bżonn hija stabbilita’, opportunita’ u ħelsien mix-xkiel biex tikber, fejn tkun qed tgħix.

Mela l-akbar ġid li jista’ jkollu pajjiż jew kontinent huwa poplu moħħu kwadru, motivat, ambizzjuz u għatxan għas-suċċess.

Issa dal-poplu jista’ jiġi ghax twieled hemm, jew jista’ jiġi għax iċ-ċirkustanzi xi darba kienu tali li popli sħaħ kellhom jiċċaqilqu, jemigraw, jaħarbu u jsibu bidu ġdid ġo art oħra.

It-taħlit ta’ ġnus huwa ħaġa tajba anke genetikament, bijoloġikament.

Nisthajjilkom tgħidu biex ġejja tal-Orange illum.

Sempliċi.

Il-Partit Demokratiku huwa l-Partit tal-Patrimonju Malti u Għawdxi. Nemmnu li l-pajjiżna u niesna għandhom igawdu bis-sħieħ il-ġmiel naturali, storiku, arkitettoniku, kulturali li jżejjen dal-ġmiel ta’ gżejjer li għandna.

Diġa wrejna li lesti niġġieldu bis-sħiħ għal dan.

Il-Partit Demokratiku jġib rispett u jgħozz il-kultura popolari anke devozzjonali tal-pjazez u t-toroq, fil-qalb tal-ibliet u rħula tagħna, daqs kemm jgħozz il-kultura tal-ifjen tejatri u l-ogħla orkestra.

Lili tafuni biżżejjed.

Il-Partit Demokratiku miġnun fuq ilsien pajjizna, is-sisien u l-bażi ta’ kull ċellola tal-kultura ewlenija tagħna.

Il-PD ovvja li jifhem li pajjizna ma jistax isolvi l-problemi kollha tad-dinja u jilqa’ fih lil kull min jaħrab mill-gwaj.

Isolvi kollox ma jistax imma jagħti eżempju jista’, aktar w aktar bħalissa li qiegħed fid-dawl ħelu tal-Presidenza tal-Kunsill tal-EU.

Għaldaqstant aħna nemmnu li l-kultura li aħna ħmejna matul is-sekli bis-saħħa ta’ u minkejja li ġnus minn kull rokna tad-dinja ħakmuna u tħalltu magħna, ma tkunx mhedda sempliċiment għax aktar nies minn razez differenti jikbru spalla ma’ spalla magħna.

Ahna tal-PD nemmnu li aktar ma jkun hemm demm ġdid pajjizna, aktar nissaħħu bhala poplu u aktar il-kultura tagħna tistagħna.

Min qiegħed hawn jeħtieġ li jahdem jikkontribwixxi u jgawdi żvilupp sħiħ tiegħu innifsu bħalna li nzertajna twelidna hawn.

Tfal ta’ genituri bla dokumenti għandhom jinghataw iċc-ċittadinanza, jistudjaw u jilħqu u jagħtu sehemhom fis-suċċess tal-pajjiz tagħna lkoll.

Araw l-Amerka, il-Kanada, l-Awstralja, l-Germanja, l-Ingilterra.

Minn naħa l-oħra, min mhux lest li jġib ruhu ta’ nies u jgħix f’sinerġija magħna, dak iva, dak mhux postu jiġri ġon-nies.

U nirrepeti, li Malta tista’ żżomm biss dak li tiflah.

Imma fil-frattemp tista’ ssuq lil pajjizi Ewropej u oħrajn biex filwaqt li nattakkaw l-għeruq tal-kaġun tal-ħarba tal-familji, fl-istess ħin il-pajjiżi kollha jgawdu mill-preżenza ta’ nies ġodda u n-nies ġodda jgawdu mill-valuri Ewropej li dejjem kienu fuq quddiem biex il-pajjizi żviluppati irreġistraw is-suċċess li għandhom illum.

Sadanittant hemm kartellun tal-Gvern għall-Presidenza li qed jgħid li ha jpoġġina fil-qalb tal-Ewropa.

Lill-Gvern ngħidlu, li biex jirnexxi fil-Presidenza, mhux ipoġġi lilna fil-qalb ta’ l-Ewropa għandu bzonn ghax aħna minn dejjem konna hemm.

Minflok irid ipoggi l-Ewropa msarrfa f’valuri f’qalbu u f’qalb il-poplu tagħna!

Imbagħad ikun jista’ imexxi bl-eżempju.

Likes(0)Dislikes(0)

Ningħaqdu

Il-bieraħ il-Prim sejjaħ għall-għaqda, kif ghamlet il-President ftit jiem qablu u kif ser jagħmlu ohrajn warajh.

Fuq din naqbel mal-Prim.

Hekk għandu jkun, u hekk għandna nagħmlu.

Ningħaqdu.

Ningħaqdu bil-fatti favur dawk il-valuri waħdenin li jagħmluna wkoll ewlenin.

Ningħaqdu favur demokrazija miftuħa u attiva s-sena kollha.

Il-poplu jeħtieġ jiġi kkonsultat u mismugħ bil-fatti mhux bil-kliem. Konsultazzjoni għandha ssir bis-serjeta u qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet li jispiċċaw ibiddlu il-ħajjiet ta’ ħafna.

Il-tħabbit mal-ideat u opinjonijiet tal-poplu ma jistax jibqa’ biss tejatrin biex ngħidu li sar, imma parteċipazzjoni veru u diretta tan-nies fid-deċiżjonijiet.

Il-gvern jeħtieġ jisma’ bil-moħħ mhux biss bil-widna.

Ningħaqdu, u mela le.

Flimkien għall-governanza trasparenti u nadifa, hielsa mill-korruzzjoni u l-attitudni ta’ ‘stajna għamilna l-affarijiet aħjar’, imma issa kulħadd jibqa’ b’li ħa!

Il-korruzzjoni tiswa’ lill-pajjiz miljuni kbar.

Min minn fostna huwa mċaħħad l-iżjed, l-aktar li jbati l-effett tal-korruzzjoni, għax minflok dawk il-flus jintużaw biex jibnulu l-għatba biex jagħmel il-qabża ħalli jgħix ħajja dinjituża, l-istess flus jintefgħu fil-but ta’ xi ħadd li mbagħad tiżdiedlu s-saħħa biex iżomm fil-poter lil min ikun qed iżoqqu.

Dażgur li ningħaqdu.

Bill-qalb favur id-dinjita’ tal-ħajja tal-bniedem mill-konċepiment sal-mewt.

L-anzjani tagħna jixirqilhom l-aqwa f’ dak li hu għarfien, ħarsien u kura kemm jekk qegħdin id-dar, f’istituzzjonijiet residenzjali privati jew tal-gvern, jew ‘każijiet’ soċjali fl-isptarijiet.

Ningħaqdu iva ħalli ma nħallu lill-ebda anzjan jibki waħdu fil-Milied u f’kull jum tas-sena, u l-ebda minn fostna jħossu abbandunat u minsi wara li jkun ta ħajtu għal familtu u għall-pajjiż.

Ningħaqdu, mela, u kif.

Għall-ħarsien tal-ġmiel ewlieni u fraġili taċ-ċkejken pajjiżna. Sbuħija li writna mingħand missirijietna u li aħna obbligati li ngħaddu lil uliedna fi stat aħjar , mhux agħar.

Pajjiżna qed jinfena bi żvilupp bla sens. Ningħaqdu iva jekk il-Gvern sinċier biżżejjed biex magħna n-nies ma jħallix din it-traġedja tkompli tirrombla minn fuq wirt pajjiżna.

Ningħaqdu, iva u minnufih biex dawk in-nies li qassmu deżert u ibħra biex jaħarbu mill-għajb f’pajjiżhom, u issa huma tagħna, nagħtuhom dak li hu tagħhom: id-drittijiet bażiċi umani li jħarsuhom mill-esplojtazzjoni mill-iskjavitu modern.

Malta ma tistax iżżomm lil kulħadd, imma t-tfal li twieldu fostna huma tagħna u m’għandhomx jitħallew mingħajr stat.

Familji diġa hawn u ntegrati n’ ghandhomx jitkissru u jitharrbtu imma ghandhom jithallew hawn biex jibqghu jaghtu sehmhom fl-ekonomija taghna u jghixu ta’ nies bhalna.

Ninghaqdu, dażgur, u b’ruħna w ġisimna biex neradikaw il-faqar f’pajjizna mhux biss billi nżidu l-minimum wage imma billi nitrattaw kull każ ta’ faqar fuq bażi individwali għaliex l-għerq tal-faqar ħafna drabi jmur lil hinn mis-saħħa finanzjarja.

Kull politka li nħaddmu tista’ tohloq deni u faqar  daqs kemm toħloq gid materjali. X’jiswew il-flus f’idejn poplu mċaħħad minn saħħtu u marid minħabba deċiżjonijiet ħżiena li jxejnu ċ-ċans ta’ ħajja kuntenta bi spazji utli għal saħħtu u nodfa  f’pajjiżu.

Ningħaqdu  ponn, iva, billi mmorru għall-Presidenza bħala poplu wiehed b’saħħtu u eżemplari rappreżentat minn Gvern hieles mill-elementi rampanti ta’ abbuż ta’ fiduċja tal-poplu minħabba atti korrotti u li ma jixirqux. Il-poplu wera li mhux kuntent li fost l-ogħla rappreżentanti tiegħu hemm ħmieġ bil-barka ta’ min hu fuq.

Fl-Ewropa hemm mewġa kontra establishment korrott, liema mewġa kif kulhadd jaf tista’ tiswielna l-kunċett Ewropew u l-paċi li dan ifisser.

Kif nistgħu nkunu Presidenza popolari mal-ġnus ewropej jekk il-Gvern tagħna jippreżenta ruhu kif inhu: bħala l-personifikazzjoni tal-aċċettazzjoni tal-ħażen?

Biex inkunu poplu wieħed fuq din hemm bżonn kinsa sewwa minnufih sabiex min jidher f’isimna jkun tassew jirrapreżenta s-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Imbagħad, hekk iva, ningħaqdu biex nagħtu saħħa massima lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Eu, biex insalvaw il-ħolma Ewropeja tagħna lkoll.

L-Ewropa mhux oġġett, imma hija int, jien, in-nanniet u t-t-tfal tagħna. L-Ewropa hija sekli ta’ ġnus minn kullimkien li għexu spalla ma’ spalla f’kontinent imsebbaħ minn mijiet ta’ ilsna, kulturi u tradizzjonijiet differenti. L-Ewropa hija l-benniena tal-akbar ċiviltajiet li skolpew id-dinja u saħansitra il-hajja moderna tal-lum.

Ta’ qabilna xerrdu demmhom biex jiddefendu l-Ewropa mill-ħakma anti-umana tan-Nazi u estremisti oħrajn qabilhom.

Il-ġenerazzjoni tagħna qed tiġi msejħa biex tingħaqad ħalli għal darb’oħra tikkumbatti l-firxa tad-dittatorjati lemini li jridu joħonqu s-sbuħija tad-diversita’ tal-umanita kollha kemm hi.

Ningħaqdu, iva, biex tkun il-lingwa tagħna, il-lingwa mill-gnus kollha mwaħħda fl-ilsien MALTI, li tinstema’ tgħajjat mal-erba’ rjiħat tad-dinja mill-podium Ewropew, biex nibnu mill-ġdid dinja ħanina bbazzata fuq is-sisien fundamentali tal-ħarsien tad-drittijiet universali tal-bniedem qiegħed fejn qiegħed, u hu min hu.

Likes(0)Dislikes(0)

it-TORĊA

Qed noqorbu lejn tmiem ta’ sena oħra.

Inħarsu ‘l quddiem u nippjanaw, iżda rridu u ma rridux inħarsu wkoll lura, ninnotaw u ngħidu bejna u bejn ruhna.

Qed ngħixu aħjar?

Pajjiżna aħjar?

Nibda mill-bażiku. In-nifs u l-ħajja. U nistaqsi.

L-arja u l-ilma tagħna aħjar?

Il-pulmuni naturali ta’ pajjiżna, il-kampanja tagħna aħjar?

Għada hemm?

Għada hemm imma biex xabla bix-xabla ta’ Damocles tqattar il-konkos fuq rasha?

L-ibliet tagħna aħjar? Il-wirt arkittettoniku li għaddewlna missirijietna mħares iktar?

Għadhom neżlin djar antiki ta’ karattru uniku kuljum preċett? Jekk jiġikom dubju morru sa tas-Sliema imbagħad ejjew sad-daħla tal-Qrendi minn naħa tas-Salvatur ħalli taraw il-qerda bla ħniena tal-karattru Malti.

Is-sema tagħna aħjar? Jew tant qed iżidu t-tniġġiż li ma ndumux ma nieqfu narawh?

Il-baħar. Xi tgħiduli għall-baħar?

Il-ħmieġ tal-fishfarms, l-intejjen taħsbu li sar xi haga fuqhom?

Morru sa San Pawl il-Baħar.

L-isptar u s-saħħa.

Veru li qed jagħtukom appuntament aktar raġonevoli fil-ħin? Jew investigazzjoni essenzjali imissek wara li x’aktarx tkun taht sitt piedi trab?

Bil-fors trid tkellem lil xi ħadd biex iqabbżek?

Wara li ssirlek operazzjoni, qed jagħtuk ċans tirpilja ftit qabel ma jixkanawk ‘il barra bil-pajpijiet b’kollox?

Int li għandek bżonn is-social housing, sibt sokkors jew għadek tistenna l-proġett ta’ 50 miljun?

Int li taħdem il-ġimgħa kollha, u bil-għaqal, il-paga ssibha sservik? Il-paga tiegħek għoliet daqskemm għoliet il-ħajja?

X’taħseb fuq it-tip ta’ tmexxija?

Taraha żdiedet il-meritokrazija u t-trasparenza?

Il-korruzzjoni taħseb li l-Gvern qed jiġġilidha jew mgħerreq fiha?

Tħossok aħjar mis-sena l-oħra?

Il-Qrati speċjalment għalik li m’għandekx biex tħallas u m’għandekx kuntatti, tħosshom li qed jagħtuk ġustizzja? Jew aktar ma jmur tippreferi ssoffri fil-kwiet għax taf li l-Qrati mhumhiex ġusti ma’ min l-aktar vulnerabbli?

Inti li qed tissawwat ġo darek, x’inbidel għalik?

Il-kunsilli lokali mgħerrqin f’fernezija ta’ taħwid fil-finanzi. Baqgħalek fiduċja fihom?

L-isport. X’taħseb fuqu? Taħseb li għandha ssir racetrack li tibla’ r-raba u l-paċi li baqa’ fin-naha t’isfel ta’ Malta?

Id-drittijiet ċivili, li huma sbieħ u utli, taħseb li jigu qabel id-dritt tal-ħajja? Dan il-gvern qed idaħħal l-abort. Jista’ bniedem jgħid li jista’ ikollu d-drittijiet ċivili jekk jitteħhidlu id-dritt li jgħix?

L-edukazzjoni. It-tfal tagħna qed jitilgħu ċittadini jaħsbu b’moħħhom? Ċittadini b’identita’ li jirrispettaw lill-proxxmu u lil pajjizhom? Li jafu x’inhuma r-responsabilitajiet daqskemm jafu x’inhuma d-drittijiet?

It-tkabbir ekonomiku tagħna huwa wiehed sostenibbli? Jew huwa tkabbir li jeqred lilu nnifsu bħalma jagħmel il-kapitaliżmu mingħajr rażan?

Nista’ nibqa’ sejra.

Ir-risposti tafuhom kollha.

B’danakollu ma jfissirx li mhemmx tama li nibnu mill-ġdid fuq is-sewwa u nirranġaw.

Imma rridu nbiddlu l-pedament għax il-pedament immermer.

Is-sens ta’ dak li huwa sewwa għad-dinjita universali tal-bniedem għad baqa’ ħafna minna li nirrikonoxxuh u nagħrfuh bhala ċ-ċavetta biex noħorgu mill-isqaq li dħalna fih.

Mhux popoliżmu għandna bżonn.

Għandna bżonn ningħaqdu għal dak li kien s-sew, għadu s-sew u jibqa’ s-sew.

Mhux faċli.

Madwarna hawn tgerrfix ikrah.

Imma fl-għaqda s-saħħa.

Bhalma missirijietna bnew PAJJIŻNA, u bnew L-EWROPA, mit-terrapien riżultat ta’ gwerra fiżika, aħna rridu nibnu pajjiz u Ewropa mit-tifrik tal-gwerra li għadha għaddejja fuq id-dinjita tal-bniedem u dak li kollu li jista’ jservi ta’ pedament ghal-soċjeta ġusta ta’ veru.

Ma naqtgħux qalbna.

Is-sewwa jirbaħ zgur jekk nemmnu fih u lesti li niġġieldu għalih.

Ikolli nerga’ nfakkar illi s-skiet fid-dinja tal-lum huwa kompliċita mal-hażen.

Kull vuċi tgħodd u kull par idejn jistgħu jgħinu.

Nagħmlu kuraġġ lil xulxin.

Inġorru ahna t-TORĊA biex nuru t-triq.

Likes(0)Dislikes(0)