Ara ma tgħidulix li m’aħniex pajjiż ossessjonat b’pajjiżi oħra, għax ngħidilkom qegħdin fil-qamar.

Wara li ppruvajna nkunu Svizzera fil-Mediterran, ippruvajna ngibu lid-Dubai u l-Singapore Paceville u San Giljan, issa twikkejna bin-nofsinhar tal-kontinent Amerikan. U din id-darba donnu bħal fatta ma nistgħu neħilsu minnu b’xejn.

L-ewwel tqannajna bl-iskandlu tal-Panama li għadu ggranfat mal-Gvern bħall-granċ, u issa ma kienx Acapulco, għax konna għodna morna l-baħar ta’ veru.

Ngħid ghodna, għax għalkemm jien llum parti minn partit politiku gdid, li huwa l-Partit Demokratiku, ma nħossni xejn differenti fil-fehma mill-Laburisti ta’ veru u Nazzjonalisti ta’ veru, ilkoll Maltin l-ewwel li flimkien tellgħajna l-Moviment Laburista fil-Gvern erba’ snin ilu.

Aħna ma nbdilna xejn.

Konna ngħidu li rridu governanza responsabbli, trasparenti u meritokratika u hekk għadna ngħidu.

Wara kollox min ma jridx politika responsabbli?

Id-differenza bejn dak iż-żmien u llum hija li f’Malta ta’ qabel il-Panama, il-ħażin konna lkoll ngħidulu ħażin u nikkoreġuh, fil-fatt irrezenjaw Ministru u Segretarju Parlamentari (Manwel Mallia u Micheal Falzon), filwaqt li f’post-Panama Malta, dawk li vvutaw ghal Moviment Laburista biex jakkwistaw huma, il-ħażin saru jgħidulu tajjeb, u huma lesti li jiskużawh b’kull mod, filwaqt li dawk li vvutaw għall-bidla vera fid-direzzjoni ta’ governanza għaqlija u sinċiera, il-ħażin baqgħu jgħidulu ħażin u t-tajjeb baqgħu jgħidulu tajjeb.

Bħalma ġara diversi drabi oħra fl-istorja politika ta’ pajjiżna, din id-darba, ferm u ferm aktar malajr mis-soltu, żviluppat sitwazzjoni fejn votant lill-partit speċifiku jibda’ jħossu jitbiegħed minn dak li jkun ivvota għalih, mhux għax ikun qed jiċċaqlaq hu imma ghax il-partit ikun qata’ l-ankra u telaq mal-kurrent iġorr fuqu biss dawk li fl-interess tagħhom jibqgħu mikrumin mal-poter u għall-poter.

Jekk tinnutaw sewwa il-blokok politiċi li jeżistu llum, fil-verita altru li aktar minn qatt qabel mhumhiex msejsin fuq linji tal-partiti tradizzjonali biss.

Hemm dawk li huma PN u jaraw maduma biss u jieqfu hemm.

Hemm min hu Laburist Josefjan u jagħmel x’jagħmel Joseph PL ben fatt,

Hemm dawk li vvutaw dejjem skond  l-analiżi u l-kuxjenza tagħhom, jammettu li l-Labour ta’ Joseph ikkuljunahom, u qed ifittxu blokk politiku li jirrifletti s-sentiment tagħhom.

Hemm dawk li qatt ma vvutaw għax liż-żewg partiti l-kbar ma jgerrhuhomx, imma forsi jivvutaw.

U hemm dawk li qattgħu il-karti għal kollox ma’ kull Gvern hu min hu.

Fi ftit kliem, f’post-Panama u aktar u aktar f’post-Acapulco Malta, meta l-kredibilita’ ta’ partit rebbieħ u ewlieni ħadet tisbita kbira, l-issue elettorali bażiku huwa min ser ikun kapaċi jnissel bizzejjed fiduċja fil-poplu votant.

U meta ngħid fiduċja nfisser fiduċja li l-but tan-nies jibqa’ mimli u jintela’ aktar, li l-gvern jitmexxa b’serjeta u trasparenza fl-oqsma kollha, u li jkun hemm line-up ta’ nies  kredibbli lesti li jservu lill-pajjiz bil-qalb imma wkoll li jerġghu jnisslu t-tama fil-votant tradut.

Ahna tal-Partit Demokratiku inħloqna propju biex nilħqu dawn l-aspettattivi tal-elettorat, kemm jekk niġu eletti fuq l-arma tal-Partit tagħna, kemm jekk niġu eletti fuq l-arma ta’ koalizzjoni pre-elettorali biex l-unijiet jiswew biex toħrog maġġoranza li tista’ tiggverna, l-interess tagħna jibqa’ wieħed: dak li nservu lill-poplu tagħna kif jixraq biex ikollna pajjiż ahjar f’kull sens.

Wara kollox aħna lkoll gejna fuq did-dinja ghal ftit żmien.

Malajr ninbarmu kollha u nagħmlu x’nagħmlu aħna ħa nsiru trab.

B’danakollu dak li nagħmlu llum ahna, il-vot tagħna fil-Parlament u barra minnu, qed jiddetta xi kwalita ta’ pajjiż ser jirtu wliedna għada, apparti mill-eżempju li qed nagħtuhom illum.

Lil hinn miz-żebliegħ u d-disprezz tal-ftit imqabbda, kif ukoll tat-tifħir ta’ ħafna nies li japprezzaw is-sagrifiċċju tagħna, jibqa’ l-fatt li fl-aħħar minn l-aħħar hija l-istorja ta’ pajjiżna, li ghad tiġġudikana.

Likes(0)Dislikes(0)