Ilbieraħ mort taħt it-tinda tan-Nazzjonalisti b’appoġġ għall-ġurnaliżmu u stampa ħielsa.

Il-Partit Demokratiku u jien nemmnu f’ġurnaliżmu ħieles u responsabbli, għaliex id-demokrazija tosfor jekk ma jkollniex min isus wara min jagħmel il-liġi u ħwejjeġ oħra, biex inżommu xi forma ta’ trasparenza u kontabbilta’ ta’ dak li jiddeċiedu u jagħmlu f’isimna u mhux f’isimna.

Jien u dieħla taħt it-tinda, fost ħafna oħrajn waqqfitni mara anzjana, li apparti milli għanqitni bil-qalb u għannaqtha bil-qalb aktar jien, ħarġet borża tal-karti mill-handbag u qaltli ‘din qagħqa tal-għasel friska, ħudha binti, għalik din.’

Bqajt dieħla fejn poġġewni u bdew id-diskorsi.

Jien kont qed nisma’ sew imma ħarsti baqgħet fuq il-ġemgħa.

Maġġoranza kbira ħafna ta’ nies avvanzati fl-eta’. Żgħażagħ ftit.

Bqajt naħseb fuq dik il-mara li fittxet tara x’ser ittini, kif tagħmel ommi ma’ kulmin iħabbtilha l-bieb, imma wkoll bosta nies tamparaha u ġenerazzjonijiet iżgħar imma xorta anzjani li nżur u li l-istess bħall-mara tal-qagħaq, dejjem lesti biex jagħtu.

Quddiemi allura bdejt nara kampjun tal-popolazzjoni li tana l-pajjiż. Ngħid kampjun għax dawk li kont qed nara probabbli kienu Nazzjonalisti, u bħalhom fid-djar kien hemm bosta anzjani oħra Nazzjonalisti u Laburisti, jew newtrali, Maltin u Għawdxin li f’ħajjithom ħadmu w’stinkaw, biex bnew il-pajjiz kantun kantun, pont pont, bħall-ifjen bizzilla, ħajta ħajta bħall-filigranu ġmiel tagħna.

Dawk il-ġenerazzjinijiet li rajt quddiemi lbieraħ bnew il-pajjiż mill-qiegħ. Wara t-tifrik tal-gwerra naddfu, żbarazzaw il-fdal tal-qerda u b’xogħol iebes u bl-għaraq ta’ ġbinhom fittxew li jum wara jum joħolqu pajjiż mibni fuq is-sewwa tad-demokrazija, is-sbuħija tax-xogħol, il-bżonn tal-ġustizzja u s-saħħa tal-liberta’ li għassew biex ma ssirx libertinaġġ.

Kienu huma, il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, li taw lill-pajjiż l-Indipendenza, il-vot lil kulħadd, inkluż lin-nisa, għamlu lil Malta Repubblika’, ħolqu l-edukazzjoni b’xejn għal kulħadd, servizz tas-saħħa mill-aqwa u b’xejn għall-konsumatur, bnew l-industrija tat-turiżmu, l-AirMalta, is-Seamalta, l-Enemalta, it-Telemalta, u nista’ nibqa sejra.

Bnew fuq li bnew. Ajruporti, mini, sptar ġdid, power stations, irrestawraw il-front tal-Belt, il-Birgu u Bormla. Proġett kontra proġett.

L-għaqal t’ommijietna, missirijietna, in-nanniet tagħna, ħalla l-frott. Frott għalina biex inkattruh għal uliedna.

Aħna komplejna nsaħħu w’nibnu fuq dak li ħallewlna.

Daħħalna lil Malta fl-Unjonj Ewropeja, biex tħallatna aktar ma’ ġnus oħra, u ħadna biljuni ta’ ewro f’għajnuniet biex saħħahna l-infrastruttura tagħna, filwaqt li ħloqna opportunitajiet għal uliedna, opportunitajiet li aħna konna biss noħolmu bihom. U meta fit-tmeninijiet rajna l-vjolenza u t-theddid għad-demokrazija, aħna lkoll qomna u waqqafna d-dekadenza u l-mistħija li fihom kien ser jegħreq il-poplu tagħna.

Erba’ snin ilu eġajna dħalna għall-pajjiż. Din id-darba ż-żgħażagħ tal-lum ukoll kienu magħna ż-żagħżagħ tal-bieraħ. Iva, kienu magħna bi ħġarhom għax fehmu li l-pajjiż wasal għall-qabża fil-mod kif nagħmlu l-politika.

Għidna issa pajjiżna ħareġ mill-faqar, qegħdin tajjeb, mela rridu nagġmlu l-pass li ngħollu l-kwalita’ ta’ governanza tagħna.

Mela, nrażżnu l-korruzzjoni, inżidu t-trasparenza, naraw li kulħadd jasal bil-ħila tiegħu, u nwittu t-triq biex insaħħu d-dinjita’ tagħna lkoll bid-drittijiet ċivili u bil-ġustizzja soċjali.

U hekk għamilna. Tellajna Gvern ġdid immexxi minn żgħażugħ jiprometti.

Aħna l-ġenerazzjonijiet li għexna biex nagħtu, biex nibnu, biex insaħħu, ħsibna li ħa ntellgħu Gvern ta’ kulħadd li ser jagħmel hekk, jibni fuq it-tajjeb li bnew u tawna missirijietna, u jagħmel iż-żabra li issa kienet tant meħtieġa.

Minflok, ftit xhur wara, il-Gvern beda juri snienu. Intelaq mal-mewġa ta’ kilba u rgħiba. Il-mewġa ta’ ġib ‘l hawn u tiħux ‘l hemm. Beda jiddisponi mill-art tal-poplu kif ifettillu, bil-prezz li jidhirlu, bħallikieku dik l’art ħallihielu missieru, lilu biss, meta l-art hija Tagħna Lkoll. Biegħ parti mill-Enemalta, l-impjant ġdid tal-BWSC, is-servizz tas-saħħa u l-isptarijiet, iċ-ċittadinanza. Biegħ il-valuri kollha li jqanqlu u jżommu r-rispett lejn min imexxina ħaj u b’saħħtu. Qed ibigħilna l-unur tagħna li bla dubbju hija l-għeżeż ħaġa l’għandna bħala nazzjon, Maltin u Għawdxin.

B’danakollu, kif rajt ilbieraħ, u kif qed niltaqa’ u jgħiduli kuljum, il-ġenerazzjonijiet li tawna l-pajjiż kif nafuh aħna, mhux ha jħallu l-ebda pippistrell ikompli jħott dak li bnew huma u saħħahna aħna.

L-aktar meta jaraw li l-ġid tal-pajjiż qed jiġi sparpaljat f’xalata ta’ skandli, waqt li dawk li taw saħħithom lil arthom illum qed iqanċu b’pensjoni li mhix biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħajja.

Mhux ha jħallu, u aħna magħhom, li bniedem marid għadu kemm jiġi operat jintbagħat id-dar minnu ‘l Alla, għandu jew m’għandux min jieħu ħsiebu, u għandu jew m’għandux biex iħallas il-kura u l-medċina li jkun baqgħalu bżonn.

Dawk in-nies ta’ xagħarhom abjad, mhux ha jħallu lil uliedhom u lil ulied uliedhom mingħajr pajjiż, mingħajr wirt naturali, mingħajr soċjeta’ ta’ valuri u rispett.

Iż-żgħażagħ tal-bieraħ li bnew il-pajjiż se jingħaqdu maż-żgħażagħ tal-lum, li jixraqilhom li nħallulom pajjiż aħjar milli sibna aħna, biex flimkien, f’koalizzjoni ta’ fehmiet politiċi, ‘il fuq mill-Partit Nazzjonalista, Laburista, Demokratiku, jew oħrajn, ikunu huma, inkunu aħna l-Forza Politka li twassal biex dalwaqt, inwaqqfu l-isfruttar tal-ġid nazzjonali TAGHNA LKOLL, u nieħdu l-pajjiż fuq it-triq tal-GĦAQAL, tas-SINĊERITA’ u ta’ dak li huwa s-SEWWA MAGĦRUF.

Likes(0)Dislikes(0)