Il-President Trump iddeċieda li jagħtiha għall-ħitan.

Dak li jrid jibni biex jifred l-Istati Uniti minn mal-Messiku huwa ħajt tal-ġebel, ħajt li jrid jibni biex jarah kulħadd, inkluż huwa stess biex ifakkar lilu nnifsu li issa għandu poter bla qies u li qed jikkmanda hu.

Iżda dan tal-Messiku mhuwhiex l-uniku ħajt li jrid itella’ dan in-negozjant kantun kantun.

Trump irid jibni ħajt bejn il-politika ambjentali Amerikana u kull politika oħra li tfittex li tħares id-dinja minn aktar sfreġju ambjentali li qed jikkawża tibdil fil-klima.

Imbagħad hemm is-sur li qed inibbet bejn razez u reliġjonijiet, drittijiet tan-nisa u l-oppressuri tagħhom, interessi kummerċjali Amerikani u internazzjonali u elf haġa ohra.

Il-politika ta’ Trump hija l-politika ta’ aħna u huma, politika li tifred lill-popli minflok tqarrabhom, politika li diġa qed tħalli sinjali ta’ xquq kbar bejn dak li huwa l-poplu Amerikan stess.

U fid-dinja tal-llum, Trump mhux l-uniku li qed jirraġuna u jmexxi b’dan il-mod.

Pass ‘il boghod fl-Ungerija, Orban tella’ lqugħ tal-wire mal-fruntiera ta’ pajjiżu biex ma jħallux refuġjati jidħlu. Kull ma jmur il-Gvern tiegħu qed ixaqleb lejn l-awtokrazija minkejja li huwa membru shih fl-EU.  Il-Polonja bil-Law and Justice party miexja ‘l hemm ukoll. Franza u l-Olanda għad iridu juruna xi jsarrfu, filwaqt li l-Ingilterra diġa wriet sniena fl-istess direzzjoni meta l-Brexit rebah ir-referendum, li jfisser li l-Gran Brittanja tippreferi tfendi għal rasha milli tibqa’ parti mill-blokk Ewropew.

Il-mistoqsija li tqum hija kif ser nirreaġixxu aħna li nemmnu li bejn il-gnus, razez, reliġjonijiet, blokok kummerċjali u politiċi m’għandux ikun hemm ħitan?

Fiżikament ħafna minna rreaġixxejna diġa tant bis-saħħa li fl-1989 twaqqa’ l-ħajt ta’ Berlin li kien l-edifiċju fiżiku li jissimbolizza firda fi ħdan l-istess ġens, imma wkoll fondoq politiku globali.  Imma mill-89 ‘l hawn id-dinja u l-Ewropa għaddiet minn taqliba sħiħa. Tant li dak il-ħelsien fiżiku u mentali li kien hekk mixtieq dak iż-żmien, tant indara li sar jittieħed for granted. Il-gwerra li wasslet biex inbena dak il-ħajt għodda ntnesiet u erġajna qed naraw eluf ta’ refuġjati ggranfati ma’ barrikadi tal-barbed wire bħalma kienu l-miljuni ta’ Lhud u nies mhux Arjani fl-aħħar gwerra.

Il-mexxejja ta’ dak iz-zmien, li zergħu il-mibgħeda u l-firda, ukoll kienu mexxejja li ħadu posthom b’mod legali. Kienet sitwazzjoni simili bħal tal-lum, sitwazzjoni ta’ tgerfix u faqar soċjali fejn mexxejja oħra ma bdewx jemmnu dak li kien qed iseħħ quddiem għajnejhom sakemm kien tard wisq.

Għaldaqstant, aħna li rridu l-paċi u l-għaqda bejn il-ġnus, razez, reliġjonijiet, aħna li npoġġu d-dinjita tal-bniedem hu min hu l-ewwel u qabel kollox, m’għandniex noqgħodu lura milli nsemmgħu lehinnha favur l-għaqda u kontra l-firda u min jiżragħha.

Izda li npaċpċu mhux biżżejjed.

Jekk mhux ħa nħaddmu politika li tnissel fiduċja bir-riżultati tagħha diretti fuq iż-żgħażagħ, familji u l-anzjani, ahna nkunu qed ngħinu lil Trump itella’ l-ħitan.  In-nies tqażżu bil-politika tal-illużoni, tad-daħq fil-wiċċc u l-Makkjavelliżmu. Fejn hemm il-faqar materjali u soċjali jeħtieġ jiġi ndirizzat bis-serjeta mhux billi nwaddbulu ċifra ta’ flus u fejn laqat laqat.

Nisperaw li meta l-mexxejja tal-EU jiltaqgħu f’ Malta dil-ġimghħa, ir-rappreżentanti tagħna bla tlaqliq jiddeploraw deċiżjonijiet ta’ mexxejja li ma jagħmlux gieh lill-umanita u jidderieġu lill-pajjiżi membri fit-triq ta’ aktar għaqda u inqas ħitan.

Il-ħazin ma jintrebaħx b’aktar ħażen. Jintrebaħ bil-ħafna tajjeb.

Likes(0)Dislikes(0)