Bħalissa hawn tgerfix sħiħ fix-xena politika Maltija.

Mela Tal-Lejber mhedijin iħabbru nvestimenti kbar.

Miljuni kontra mijiet ta’ miljuni.

X’ħin tindaga ssib li veru nvestimenti bomba, imma mhux għall-poplu jew għall-pajjiż izda għal erba’ businessmen li qed inittfuna sufa sufa bil-barka ta’ min suppost qed iħaddem ġid pajjiżna f’isimna.

Fil-frattemp biex iżommuna aljenati u allegruzi, ramaw b’konsenja vleġeġ aktar milli kellu Robin Hood.

Kif l-oppozizzjoni Nazzjonalista tiftaħ ħalqha, jisparaw vleġġa jew tnejn lejn min jidhrilhom, imbagħad fuq il-ONE dlonk jitfghu id-diska li l-PN maħmuġin u allura kulħadd maħmuġ imnitten, u la d-dawl ‘raħas’ ħmieġ bi ħmieġ aħjar il-Lejber, u r-rota tkompli ddur u ddur u aktar iddur.

In-Nazzjonalisti minn naha l-oħra qed jagħtu l-impressjoni li għadhom imgerfxin ukoll.

Kultant joħorgu dokument li jagħti ħjiel li ġol-partit hemm min hu moħħu fuq għonqu u qed jagħmel xogħolu, mill-bqija addio it-three musketeers, Beppe, Simon u Mario, għax issa dahal Salvu Mallia, u ta’ ragel li hu, hekk imdakkar u mħeġġeġ mill-istorja tal-famuż iżda traġiku Pushkin serqilhom l-ispotlight mid-dar ċentrali u tefagħha fuq spettaklu ta’ ‘gladiators ‘li ghan-naqa ma sehhx go Strada Rjali l-Belt ftit lil hinn mit-Tejatru bla saqaf li sallbuna bih.

Sadanittant ix-xena politika qed tmiss il-qiegħ.

Minflok niddiskutu avvenimenti serjissimi li ghaddejjin fil-pajjiż, qed niddiskutu min ser idabbar l-ewwel black eye. Jekk hux id-difensur tal-Ministru tal-Ugwaljanza jew Salvu tal-PN.

U l-mistennnija Presidenza tal-UE li ħa tiswielna 40 miljun fuq il-karta, għaddejja u għaddejja riħ.

U l-mistoqsija hija x’taqbad tagħmel f’ċirkustanzi bħal dawn.

L-ewwel istint tkun li tħaffer ħofra fonda fonda fir-ramel, tgħaddas rasek u la tara u lanqas tisma’.

Issir zombie u kif tħossok riega’ ġej għan-normal, tħaffer naqra aktar fil-fond u terġa’ tgħerreq moħħok ‘l isfel ‘l isfel bit-tama li ma tiġi konxju qatt.

It-tieni istint, wara xi żmien taħt ir-ramel ikun li tibgħat lil kull min qed idallam il-Parlament illum (inkluz jien), u tħeġġeġ biex nixkanaw liz-zewg partiti morda minn hemm u npoġġu nies totalment ġodda fuq is-siġġijiet tal-eżekuttiv u l-Parlament tal-pajjiż. Dan il-ħsieb jibqa’ tajjeb sakemm is-sens komun jgħidilna li l-ġdid tajjeb, iebes ħafna biex issibu u trawmu, u li doża ta’ esperjenza politika nadifa tista’ tkun bżonnjuża wkoll.

Mela imbagħad naslu għat-tielet istint.

Jien diġa għaddejt minnu meta wara li thallna fl-EU, fit-2004 sseħibt mal-MLP meta kien għadu kemm ġarrab telfa kbira ohra, bl-intenzjoni li ngħin fit-tiġdid tiegħu biex ikun Gvern alternattiv għall-PN li skond iċ-ċiklu tal-politka lokali kien altru li skadielu ż-żmien.

Ninsabu fi żmien simili.

Il-PL f’qasir zmien iġġandar bil-kbir. Tal-biki x’ħin tara Ministru bhal Varist ikompli jaqa’ għaż-żufjett il-gimgha l-ohra. Skandli. Żufjett. Żufjett u skandli.

Il-PN minn naħa l-oħra qed jitqanżaħ biex jiġġedded biżżejjed minn ġewwa.

Iż-żmien li baqa’ huwa qasir.

Kull vot jgħodd biex tinkiseb il-maġġoranza ġdida biex entita akbar u aħjar mill-PN li nehhejna, tiggverna mill-gdid.

Aħna tal-Partit Demokratiku nħloqna fl-interess nazzjonali.

Nistgħu nagħtu kontribut qawwi biex in-nies ikollhom għazla veru meta jigu biex jivvutaw.

Kultant bħal mogħdija mharrbta. Tkun aktar faċli li ġġib il-materjal u twitti l-ħofor bil-ġdid milli li tonġor il-blat, speċjalment jekk ikun żonqri.

Imma biex iżomm il-ġdid il-ħofor iridu jitnaddfu u t-taħlita trid tkun tajba, inkella mal-ewwel xita jitlaq kollox mal-wied u l-mogħdija tisparixxi.

Malta għandha bżonn gvern stabbli, b’saħħtu u onest.

Il-Partit Demokratiku u l-Partit Nazzjonalista mnaddaf flimkien jistgħu jagħtu dan lill-poplu.

Hekk ħa nagħmlu.

Jonqos biss ftit affarijiet fuq xhiex naqblu, li jaċċertawna li l-poplu ma jerġax jiġi ngannat bhalma ġara bil-Moviment li beda Tagħna Lkoll u spiċċa tagħhom biss.

Likes(0)Dislikes(0)