Il-bieraħ il-Prim sejjaħ għall-għaqda, kif ghamlet il-President ftit jiem qablu u kif ser jagħmlu ohrajn warajh.

Fuq din naqbel mal-Prim.

Hekk għandu jkun, u hekk għandna nagħmlu.

Ningħaqdu.

Ningħaqdu bil-fatti favur dawk il-valuri waħdenin li jagħmluna wkoll ewlenin.

Ningħaqdu favur demokrazija miftuħa u attiva s-sena kollha.

Il-poplu jeħtieġ jiġi kkonsultat u mismugħ bil-fatti mhux bil-kliem. Konsultazzjoni għandha ssir bis-serjeta u qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet li jispiċċaw ibiddlu il-ħajjiet ta’ ħafna.

Il-tħabbit mal-ideat u opinjonijiet tal-poplu ma jistax jibqa’ biss tejatrin biex ngħidu li sar, imma parteċipazzjoni veru u diretta tan-nies fid-deċiżjonijiet.

Il-gvern jeħtieġ jisma’ bil-moħħ mhux biss bil-widna.

Ningħaqdu, u mela le.

Flimkien għall-governanza trasparenti u nadifa, hielsa mill-korruzzjoni u l-attitudni ta’ ‘stajna għamilna l-affarijiet aħjar’, imma issa kulħadd jibqa’ b’li ħa!

Il-korruzzjoni tiswa’ lill-pajjiz miljuni kbar.

Min minn fostna huwa mċaħħad l-iżjed, l-aktar li jbati l-effett tal-korruzzjoni, għax minflok dawk il-flus jintużaw biex jibnulu l-għatba biex jagħmel il-qabża ħalli jgħix ħajja dinjituża, l-istess flus jintefgħu fil-but ta’ xi ħadd li mbagħad tiżdiedlu s-saħħa biex iżomm fil-poter lil min ikun qed iżoqqu.

Dażgur li ningħaqdu.

Bill-qalb favur id-dinjita’ tal-ħajja tal-bniedem mill-konċepiment sal-mewt.

L-anzjani tagħna jixirqilhom l-aqwa f’ dak li hu għarfien, ħarsien u kura kemm jekk qegħdin id-dar, f’istituzzjonijiet residenzjali privati jew tal-gvern, jew ‘każijiet’ soċjali fl-isptarijiet.

Ningħaqdu iva ħalli ma nħallu lill-ebda anzjan jibki waħdu fil-Milied u f’kull jum tas-sena, u l-ebda minn fostna jħossu abbandunat u minsi wara li jkun ta ħajtu għal familtu u għall-pajjiż.

Ningħaqdu, mela, u kif.

Għall-ħarsien tal-ġmiel ewlieni u fraġili taċ-ċkejken pajjiżna. Sbuħija li writna mingħand missirijietna u li aħna obbligati li ngħaddu lil uliedna fi stat aħjar , mhux agħar.

Pajjiżna qed jinfena bi żvilupp bla sens. Ningħaqdu iva jekk il-Gvern sinċier biżżejjed biex magħna n-nies ma jħallix din it-traġedja tkompli tirrombla minn fuq wirt pajjiżna.

Ningħaqdu, iva u minnufih biex dawk in-nies li qassmu deżert u ibħra biex jaħarbu mill-għajb f’pajjiżhom, u issa huma tagħna, nagħtuhom dak li hu tagħhom: id-drittijiet bażiċi umani li jħarsuhom mill-esplojtazzjoni mill-iskjavitu modern.

Malta ma tistax iżżomm lil kulħadd, imma t-tfal li twieldu fostna huma tagħna u m’għandhomx jitħallew mingħajr stat.

Familji diġa hawn u ntegrati n’ ghandhomx jitkissru u jitharrbtu imma ghandhom jithallew hawn biex jibqghu jaghtu sehmhom fl-ekonomija taghna u jghixu ta’ nies bhalna.

Ninghaqdu, dażgur, u b’ruħna w ġisimna biex neradikaw il-faqar f’pajjizna mhux biss billi nżidu l-minimum wage imma billi nitrattaw kull każ ta’ faqar fuq bażi individwali għaliex l-għerq tal-faqar ħafna drabi jmur lil hinn mis-saħħa finanzjarja.

Kull politka li nħaddmu tista’ tohloq deni u faqar  daqs kemm toħloq gid materjali. X’jiswew il-flus f’idejn poplu mċaħħad minn saħħtu u marid minħabba deċiżjonijiet ħżiena li jxejnu ċ-ċans ta’ ħajja kuntenta bi spazji utli għal saħħtu u nodfa  f’pajjiżu.

Ningħaqdu  ponn, iva, billi mmorru għall-Presidenza bħala poplu wiehed b’saħħtu u eżemplari rappreżentat minn Gvern hieles mill-elementi rampanti ta’ abbuż ta’ fiduċja tal-poplu minħabba atti korrotti u li ma jixirqux. Il-poplu wera li mhux kuntent li fost l-ogħla rappreżentanti tiegħu hemm ħmieġ bil-barka ta’ min hu fuq.

Fl-Ewropa hemm mewġa kontra establishment korrott, liema mewġa kif kulhadd jaf tista’ tiswielna l-kunċett Ewropew u l-paċi li dan ifisser.

Kif nistgħu nkunu Presidenza popolari mal-ġnus ewropej jekk il-Gvern tagħna jippreżenta ruhu kif inhu: bħala l-personifikazzjoni tal-aċċettazzjoni tal-ħażen?

Biex inkunu poplu wieħed fuq din hemm bżonn kinsa sewwa minnufih sabiex min jidher f’isimna jkun tassew jirrapreżenta s-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Imbagħad, hekk iva, ningħaqdu biex nagħtu saħħa massima lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Eu, biex insalvaw il-ħolma Ewropeja tagħna lkoll.

L-Ewropa mhux oġġett, imma hija int, jien, in-nanniet u t-t-tfal tagħna. L-Ewropa hija sekli ta’ ġnus minn kullimkien li għexu spalla ma’ spalla f’kontinent imsebbaħ minn mijiet ta’ ilsna, kulturi u tradizzjonijiet differenti. L-Ewropa hija l-benniena tal-akbar ċiviltajiet li skolpew id-dinja u saħansitra il-hajja moderna tal-lum.

Ta’ qabilna xerrdu demmhom biex jiddefendu l-Ewropa mill-ħakma anti-umana tan-Nazi u estremisti oħrajn qabilhom.

Il-ġenerazzjoni tagħna qed tiġi msejħa biex tingħaqad ħalli għal darb’oħra tikkumbatti l-firxa tad-dittatorjati lemini li jridu joħonqu s-sbuħija tad-diversita’ tal-umanita kollha kemm hi.

Ningħaqdu, iva, biex tkun il-lingwa tagħna, il-lingwa mill-gnus kollha mwaħħda fl-ilsien MALTI, li tinstema’ tgħajjat mal-erba’ rjiħat tad-dinja mill-podium Ewropew, biex nibnu mill-ġdid dinja ħanina bbazzata fuq is-sisien fundamentali tal-ħarsien tad-drittijiet universali tal-bniedem qiegħed fejn qiegħed, u hu min hu.

Likes(0)Dislikes(0)